Xejn Iżjed. Xejn iżjed ma jiżbokka Għax kollox donnu ndara U xejn ma jista’ jqanqal U jbiddel dak li ġara. U ma jkun hemm xejn aktar Fit-toroq li ħallejna Ħlief dehra ta’ min għejja Bit-toqol fuq spallejna. U xejn ma jkun li jkisser Din il-monotomija, Qanpiena ddoqq it-tokki Ġo bitħa freneżija. Alfred Grech 29/09/2022.
Posts
Showing posts from September, 2022
- Get link
- X
- Other Apps
Illum Jum Ieħor . Illum jum ieħor Wieħed minn dawk li ma Jingħaddux. Bil-ġebel li tifgħali ma saqajja Nibni ħitan ta’ sur Inkella nitfixkel f’kull waħda Minnhom u naqta’ qalbi. Bħal meta kont nitbandal fuq mewġ il-baħar Int kont tgħidli li l-ħajja hi din. Jien kont naqdef b’saħħti kollha Iżd’int tintelaq u ddub fil-fwar Ta’ baħar jagħli bix-xema Ta’ bla ġejjieni. Issa li t-tnejn li aħna mxejna l-bogħod Xi ftit, ir-rtimi tat-tnabar m’għadhomx ikiddu Lir-ruħ taħt toqol it-tifkira U l-melodiji ta’ mewġ il-baħar Isikktu l-irwiefen tal-biża U jiena u int nikkotemplaw It-tmiem. Alfred Grech 29/09/2022.
- Get link
- X
- Other Apps
X’sar Minnhom Il-kwiekeb? X’sar minnhom il-kwiekeb Xħin bdejna nirtgħodu Il-ħolm illi ħlomna Xħin sebaħ filgħodu. X’sar minnhom il-ħrejjef Li tant konna ntennu Dak l-għana li jkarkar Inraqqdu u nbennu. Għax miegħk kaxkartni U bdejt naħseb bħalek Fil-limbu ta’ għodwa Xħin ġejt wara darek. Jien ħtieġli li nemmnek! X’sar minnhom il-kwiekeb Il-karru u ż-żiemel Li fuqhom kont riekeb? Alfred Grech 26/09/2022.
- Get link
- X
- Other Apps
Mingħajr Ma Nafu. Mingħajr ma nafu dħalna lkoll ġo nassa , Qalulna: inneħħu b’dan, ħasil il-flus Naqilbu kollox fuq id-diġitali Għalfejn ma jkollokx b’hekk iżżomm karus. Min-nofs inneħħu l-karti u ħafna ngombru Għas-siġar dan pass għaqli u ħabib Ma tħabbilx rasek li xi ħadd jisrqek U hekk jeħfief it-toqol u s-salib. Mingħajr ma nafu rbatna wkoll idejna Għax smajna minnhom – l-għerf ta’ Salamun. Issa kull pass li tagħmel jirreġistra Issib li tlift il-boxxla u tlif it-tmun. Alfred Grech 23/09/2022.
- Get link
- X
- Other Apps
Poeżija. Kien ilha żmien tistenna li jasal għad il-waqt li jasal iż-żmien tagħha u jseħħ dak li tkun xtaq. Kien ilha żmien tistenna jifetaħ il-kanċell jew ħin bla waqt jiżbroffa u jfawwar il-munġbell. U riedet hi li toħroġ biex togħola mas-smewwiet bħal meta tifqa’ diga joħorġu l-ilmijiet. U jġorru kull ma jsibu jikinsu wkoll kull xkiel kull barrikati jwarrbu u jifqgħu raba’ għammiel. Hi baqgħet hemm tistenna’ xi ħadd jifħilha l-bieb biex toħroġ minn ġol-gaġġa f’titjira ta’ bla ħsieb. U tgħanni l-isbaħ għanja fil-beraħ ta’ bla truf u l-arja bl-isbaħ għanja timliha kull fejn tħuf. Alfred Grech 16/09/2022.
- Get link
- X
- Other Apps
Poetessa. Lili ġġielni nerġa’ nibda ngħanni għax lehinha mhux tas-soltu u t-tiċpisiet taż-żebgħa fuq it-tila pennellati tal-aqwa artist. Mingħajr il-partitura stajt immexxi orkestra sħiħa l-aqwa li nisma’ l-ewwel rifsiet fuq il-kordi. Nibqa’ sejjer warajha bħalkieku f’purċissjoni jew marċja funebri ta’ xi reġina. Is-seħer ma jieqafx xħin tgħaddi r-riħa tal-ward li rmiet tul mixjitha iżda wkoll fil-diwi li tħalli meta taqta’ xewqitha. Alfred Grech. 16/09/2022.
- Get link
- X
- Other Apps
Aħna Li Npinġu S-Sema. Aħna li npinġu s-sema bil-għana ta’ kuljum imbagħad inniżżlu l-kwiekeb f’kull vers magħżul, mirqum. Imbagħad imbexxqu x-xefaq biex tgħaqqi żiffa riħ, ftit ftit nintrefgħu bdejna bħall anġli minnfiħ. U xħin idejna għaqqadna għamilna ċirku tond, mad-dinja dorna dawra missejna l-qiegħ fil-fond. U b’hekk ta’ din id-dinja ħallejna wkoll l-irbit tas-sema sirna l-anġli u tbiegħedna mit-taħwid. U jekk kien għal waqt wieħed inkella kien fit-tul, kull waqt kien jiswa’ għal dejjem fl-intensita’ mibdul. Alfred Grech 13/09/2022.
- Get link
- X
- Other Apps
Putin Kif stajt tagħmilha inti ta’ twajjeb kif magħruf met‘inti lupu liebes il-ġilda ta’ ħaruf? Kif stajt għall-dejjem tibqa’ il-qerq tonfoħ fl-għajnejn u tqarraq b’ta madwarek u dan kif? u min fejn? Il-ponta tal-quċċata li fuqha qed tistrieħ il-pedamenti tagħħa minsusa sa mill-qiegħ. U lanqas lin-nies tiegħek ma tista’ tbella’ l-qerq l-għawar malajr jikxfulek u kollox jidher serq. U bdejt iġġiegħlma naħsbu kull wieħed impustur dawk li juruna s-sewwa għalliema bla favur. Ma stajtx int tibqa’ tidher profeta ta’ kull żmien għax fl-aħħar qbist iċ-ċinta u nkxift u ġejt għarwien. Ma stajt tippriedka tibqa’ u tgħid għal waħda tnejn fis-sewwa mbagħad tmur taħbat għal min m’għamillek xejn. Ma stajt tkun aktar l-anġlu tas-sewwa l-paladin għax xħin fik bdejna nemmnu intbaħna li mqarrqin Il-wiċċ li kont turina ma kienx ta’ xi brikkun Ta’ min jilħaqlu moħħu u mhux ta’ xi mbruljun. Iżd’issa l-maskra waqgħ...
- Get link
- X
- Other Apps
Jien Ma Nafx. Jien ma nafx għaliex din l-għanja Li tgħallimna ta’ tfal zagħar Insejniha, tlifna l-ħlewwa Kull ma jmur sejrin għall-agħar. Tista’ twaqqaf din il-mixja Tista’ tibda wkoll mill-ġdid Iżda ssib li issa w dejjem Mank pulzier ma tista’ żżid. Tista’ tmur u terġa’ tiġi Iġġilidt u mhemmx fuqiex Mill-irdum għal isfel twaddab U lil ħadd tistaqsi: għaliex? Jien ma nafx id-dlam kif jinżel Imma d-dlam hu qtar ir-ruħ Jien ma nafx għax filgħaxija Jegħerqu l-kwiekeb f’baħar dmugħ. Jien ħassejt li kelli ngħanni Bħal għasfur ma sbieħ il-jum U nixtieq li din ix-xewqa Tibqa’ tiġi ta’ kuljum. Alfred Grech 10/09/2022
- Get link
- X
- Other Apps
Lil Eliżabetta Reġina. Hi telqet ukoll ftit ftit kollha sejrin il wieħed wara l-oħra ġiganti kbar ta’ żmienna li raw fit-tul u l-bogħod li għal ħdejhom aħna biss pigmej. Telqet ukoll u issa trid tibda tifhem il-qawwa ta’ dil-mara li xelfet il-quċċati mingħajr id-daqq tat-trombi u l-funfarri li waqfet tul iż-żmimijiet u ndukrat l-isfilata tal-avvenimeti bħalma jsegwu wara xulxin f’xi purċissjoi jew f’xi xeneġġjat. Inbidel l-univers imbidlet id-dija ta’ madwarna u rajna s-swar li bnejna jaqgħu ġebla fuq oħra madwarna. Iżd’hi deher rebbieħa bħal f’xi affresk fuq l-arzella ta’ xi knisja fuq l-iskrin tal-fantasija fin-narrattiva li ħaddanna. Xejn mhu għal dejjem imqar jekk ritratt tiġbed ta’ ruħek imqar jekk tiskava d-djamanti fir-ramel tax-xtut. Hemm min jixtieqlek il-qawmien mill-ġdid hemm min jarak bid-dijadema hemm min jarak reġina fuq l-irġejjen u hemm min fis-sema ...
- Get link
- X
- Other Apps
Jien Xtaqt Ukoll. Jiena xtaqt ukoll fuq fergħa ta’ xi sigra nitla’ biex ngħanni sbieħ il-għodwa ġdida u xtaqt ukoll fil-versi melodjużi nintona tal-ħolqien u l-mewt nisfida. Jien xtaqt ukoll inpinġi fuq xi tila id-dellijiet ta’ sħab fis-sema jtellaq Jew il-kwiekeb li naf ma nistgħax nilħaq u nibqa’ għaddej għal dejjem bla ma nfellaq. Lili jiblagħni d-dlam; il-baħħ quddiemi jirbaħni x-xejn lil hinn mill-eqreb xefaq Mhemmx ġejjieni; hemm biss kudanna għal għomri u nisfa’ id f’id bħal dak li kollox nefaq. u ż-żmien f’dil-gaġġa illi l-għomor silef hu dak ta’ għasfur li l-ħelsien tiegħu tilef. Alfred Grech 07/09/2022.
- Get link
- X
- Other Apps
Xħin. U xħin ma sbieħ il-jum ix-xewqa tmurlek li tgħix jum ieħor, xi jżomm din il-valanga li tisfronda s-sisien u tkarkar magħha dak kollu li ta’ xkiel issib fi triqtha. Issir taf li d-destin qed jikkalpesta it-tamiet tagħna. Tista’ terġa’ ttenni: O Frugħa tal-frugħat u kollox frugħa . Jiemna saru waqtiet ta’ nsett jittajjar minn fuq warda għal fuq l-oħra b’tat-tamiet il-kundanna u dak kollu li sal-lum kien iżommna fuq saqajna. Iggranfati mal-aħħar zokk ta’ siġra nittamaw f’dak li jmieri t-twemmin tagħna. Alfred Grech 06/09/2022.
- Get link
- X
- Other Apps
It-Theżżiża Ma Tħossiex. It th eżżiż a ma tħoss i ex meta tkun ilha ġejja meta tkun tistenniha ma tarahiex bi kbira. Jekk tkun ilek tistennieh il-waqt li jasal tard jgħaddi minn fuqwk b’iktar ħeffa u b-inqas tbatija. It tmiem ikun ilu li wasal issa li ġiet il-mewġa fuqna it-taqbida tkun qalila u nibdew ngħixu bħal baħar bejn ħsejjes u bejn skiet. Alfred Grech 05.09.2022.
- Get link
- X
- Other Apps
Bil-Barka Tal-Umdita’. Bil-barka tal-umdita’ tar-riħ isfel nintasbu f’riġlejn il-mitbaħ tat-tneħid u int taqbadli idi biex toħodni l-bogħod il-bogħod mill-eqreb xefaq nebbieħ is-sewwa. Imqar jekk il-friegħi tas-siġar li taħthom inħobbu nistkennu ma jaħbuniex għall kollox mill-qilla ta’ xemx għaddejja f’xalata sajfija qabel ma hi ukoll tmur titmattar fil-ħemda tal-infinit jew fid-dalma lejlija li tqattar bħal xita ġewwa qlubna. U xħin bix-xokkijiet mill-ġdid nirxuxtaw inslapaw u naqsmu l-oċean tax-xewqat u tqanqiliet il-mewġ li jħaddanna iħenninna u tidher kewkba li tqawwi ’l-qlubna tul dat-traġitt bejn xatt u ieħor. Il-baħar imqalleb ma jdejjaqniex jaqtgħulna qalba biss il-wegħdiet li rifduna tul daz-zmien kollu u li jistgħu ma jkunu xejn għajr wegħdiet fiergħa. Alfred Grech 04/09/2022.