Posts

Showing posts from January, 2021
Image
  M’hemm Ebda Ħin.   M’hemm ebda ħin li huwa ħin Li tista’ tmidd riġlejk Mhemm ebda żmien li huwa żmien Li jiftaħ  xefaq il-ġejjieni Għaliex kull bieb hu bieb Li jiftaħ fuq bieb ieħor Għaliex kull bieb hu bieb Li jiftaħ fuq il-baħħ Ta’ dak li mhuwiex jiena. Sakemm tintebaħ Bl-ilwien tal-libsa tiegħek Li kollox haġa b’oħra Bħal ħmura fis-smewwiet l-ilwien ta’ xi qawsalla. U ma tibqax tħoss l-uġiħ Għax issa m’għadekx tgħix Il-beraħ ta’ kull żmien.   Alfred Grech 30/01/2021.
Image
Imqar Meta Nilgħabu.   Imqar meta nilgħabu Dawk il-logħobiet li jiena u int biss nafu nilgħabu Mingħajr ma nrabbu l-ġwienaħ Ninqatgħu ftit mill-art.   Imqar jekk jien ħabbat il-bieb U l-anġlu ma niżilx Stajna nimxu t-tnejn li aħna Ħafjin Fuq ir-ramel ta’ dix-xtajta.   Xejn ma jinbidel Xħin jgħaddi r-riefnu Jien nerġa nagħtik Dak kollu li għandi għal juum wieħed Ta’ għera Mnejn inġib is-saħħa li niġġedded.   Alfred Grech 27/01/2021.
Image
  Fik.   Fik it-tkattir tan-nisa kollha u t-tiżjid li bart miegħek int u għaddejja ilwiek biex sirt ix-xitwa kiesħa ta’ siġra mneżża minn kull ħeġġa mill-weraq u t-tiżjin u dak li kien isebbagħha fil-glora tagħha. U issa tiġi bit-tiswir kollu tal-biża’ u t-tregħid ta’ bejn ħaltejn u lanqas tgħid xi trid. Imxejt fid-dlam u dlam jiżdied ġo fik. Tiġi tgidli li tħobbni u ma tagħmilx il-pass li jkebbes dk ix-xrara nar li għad trid taħraq bosk. Fuq il-ferrovija tagħna hawn ftit li jistgħu jivvjaġġaw u mqar jien qatt ma stennejt li meta ninżel minn ġos-sħab insibek hawn. Mill-bqija tkun tistagħdar fit-tajn u l-ħama ta’ kuljum.   Alfred Grech 24.01.2021.
Image
  Noħlom .   Noħlom waqtiet denji Li llum ma baqax żmienhom Mhux għaliex id-dinja nbidlet Iżda għax daret dawra żmerċ. Il-waqtiet evanexxenti Li jagħmlu minn dil-ġrajja Poeżija. Xħin Eros jispara vleġġa Qatt ma jmur ħmerċ U titbiegħed kemm titbiegħed Issibek tersaq lejja. Noħlom il-waqtiet miegħek Inti li bqajt qatt ma sirt nafek.   Alfred Grech 23/01/2021
Image
  Hu Ċar Daqs In-Nixiegħa.   Hu ċar daqs in-nixxiegħa tal-muntanji Moħbija bejn l-għoljiet biex lanqas tidher Fejn għad trid twassal dit-tkarkira Fil-baħħ ta’ bla tifsir. Imqar xħin jien fil-muta naqa’ U ħadd ma jibqa’ jisma’ ħossi It-turmenti ma jieqfux U t-tregħid jibqa’ għaddej. Meta ż-żunżana teħel iddur u tagħqad Mal-istess warda ikun wasal iż-żmien Li xi ħadd idardar l-ilma Jaħsadni u jqajjimni minn Dan l-iskantament jew din l-aljenazzjoni Biex tassew induq il-kalċi Sal-aħħar qatra. Bħal warda li tinqata’ din il-ġrajja U ma titbielx.   Alfred Grech 22/01/2021.
Image
  La Tiskantax.   La tistkantax jekk qed tarani waħdi, Warajk ma kien hemm ħadd li jieħu postok Għax bħalek ma kienx hawn u lanqas terġa’ Titfaċċa jew inkella tkebbes xrara. Warajk ma kien hemm ħadd li setagħet terġa’ ix-xrar tal-maġmar kiebi terġa’ tkebbes u ħadd ma seta’ jqabbad il-ħuġġieġa fi spettaklu sħiħ ta’ konflagrazzjoni. Mhemm ħadd li tista’ tilħaq l-istennija U ħadd li tista traqqa’ dit-tiċrita, Bħal meta tiġi l-muża u l-ewwel versi Joħorġu bħallikieku ġew mis-sema U f’daqqa waħda w’salna fil-quċċata Tal-għarfien, id-diwi u l-ekwilibriju. U xħin tlaqt int il-bejta sfat battala l-irwiefen qamu u tħabblu l-istaġuni ma baqa’ xejn li kien, il-kwiekeb għebu, u bqajt ngħum fl-oċean ta’ bla konfini.             Alfred Grech. 18/01/2021.                         ...
Image
  Lil Lino .*   U issa tlaqtna inti   wkoll ħabib, baħri ieħor minn taċ-ċorma: Min jaf il-kif u l-meta se tkun tiegħi? Daqs fwieħa fil-flixkun sabiħa u evanexxenti din il-ġrajja. Qiegħdin fuq dan il-bastiment u nafu li x’imkien se nsibu x-xifer u x-xifer ta’ li nafu u x-xifer nistennewħ għax jagħtina d-dehexa tal-etern u l-waqa’ għall ġol-abbiss fix-xejn tal-eżistenza. Aħjar jasal malajr għax xorta waħda hawnhekk jien mhu qed nara xejn lilhinn mix-xefaq. Irrid inkun ħabib u rrid ukoll ningħoġob u nogħġob lili nnifsi għaliex x’ħin jasal tiegħi l-aħħar nerġa’ nsaqsi: Dan kollu kien għalfejn? Sakemm ir-riħ qed jonfoħ niftħu il-qlugħ.   Alfred Grech. 1/01/2021. *B’tifkira ta’ Angelo Cefai li ħalla dan il-wied tad-dmugħ 12/01/2021.
Image
  Qatt Ma Ntebħu.   Huma qatt ma ntebħu Li s-sens tagħhom tal-glorja Kien bħal buffuri tar-riħ Li jferrex dak li jsib quddiemu U xħin jaqgħu minn fuq il-pedestall Jibdew jitgerrbu Sa ma jsiru Humpty Dumpty . Bħall-allat gralhom Li ntegħlbu u ntradmu Waqt li jfittxu l-ħajja eterna Iżda ma basrux Li kien hemm min serqilhom In-nar divin U li aħna issa sirna Gorrief bħalhom.   Alfred Grech. 16/01/2021.
Image
  Xi Trid Minni?   Xi trid minni? Hawnhekk il-baħħ U x-xejn tal-eżistenza. Efimera dit-tama Li nerġgħu nqabbdu ħuġġieġa Minn dix-xrara li baqgħet ma tkebbsitx Jew nagħmlu teatrin minn dramm Mingħajr l-atturi.   Jien ridtek tkun tiegħi B’ruħek u b’ġismek Iżda naf li dan ikun għalina Biss waqt wieħed Episodju jew aberrazzjoni.   Xi minn daqqiet inkun irrid Insir tarbija Biex nintilef fit-tmellis U l-wens ta’ ħdanek.   Alfred Grech 15/01/2021.
Image
  Jien Bħalek .   Jien bħalek qed nistenna ’l-mewt tiġi Iżda ma sibtx it-ton sabiex nintona l-għanja taċ-Ċinju u ma naf ngħid xejn aktar jien ħabbejtek bla ma lmaħtek jien ħabbejtek għax sirt nafek jien ħabbejtek għaliex tidwi l-istes innu tas-sireni.   Jien noqgħod hawn nistagħad Għal xi ħaġa skandaluża Li biha nista’ nqanqal it-tessut Tal-univers IImbellaħ bil-ħlewwa ta’ leħnek Li ma smajtux U l-hena ta’ surtek Li ma rajthiex.   Għad forsi niġi infittxek Mhux biex niltaqa’ miegħek Iżda fit-tifkiriet tat-tħadit ta’ bejnietna U fil-kliem li ma ninsiex.   Għax int u jien drajna issa Ngħixu l-vjaġġ virtwali.   Alfred Grech 14/01/2021.
Image
  Issub Miegħek.   Issibni  miegħek spalla ma spalla Jekk waqt li tissielet qed titbissem Imqar fi dlam il-lejl Biex tasal sal-quċċata U mbagħad bħali titfixkel Biex iżżomm il-pass mal-ħin għaddej.   Issibni miegħek fit-tfittxija Għal dak il-waqt wiwħed Ta’ sebħ ġdid, qawmien mill-mewt Il-waqt li hu għal dejjem Fis-sensazzjoni li kollox attaparsi U niżfnu taħt xita nieżla.   Issibni miegħek Imqar jekk mhux qed tfittex Ma min trid taqsam ħinek U tibqa’ bla titfantas Xħin ħadd ma jkun jarak Jew qed ħdejk.   Għalina jkun il-bidu ta’ turment ġdid Għaliex jekk noqgħodu nistennew Il-kbir li għadu ġej Ma jmissna qatt.   Għaliex xħin il-waqt jgħaddi Is-seħer jgħaddi miegħu.   Alfred Grech 12/01/2020
Image
  Aħna Nħossu Wkoll.   Aħna nħossu wkoll fir-resħa ta’ dal lejl is-sejħa imnikkta tat-tifkiriet il-qodma tagħna mlibbsa u mliġġma l-istar tal-ġdid u tal-modern jisħet il-ġmiel u l-għerf taż-żminijiet fl-idolatrija tax-xejn u tal-battal u tal-assurd għaliex jekk il-ġdid jaqla’ l-qadim u rridu nimxi mal-passi taż-żminijiet jiena u inti għalxejn interrqu t-toroq stramani ta’ dal-villaġġ minsi u ħiemed ħlief għall-buffuri tar-riħ li jinfoħ mil-lbiċ u mill-majjistral u jqaċċat kull fergħa ta’ siġra li tażżarda tgħolli rasha. Ikun għalxejn f’ġuf is-skiet u l-waqtiet eterni nibdew din it-taħdida ħierqa għaliex huma biss il-waqtiet li jsibu tifsira fil-ħamba tat-tibdil u tiġdid li jissejjaħ mixi l-quddiem, progress lejn il-ġejjieni fl-għada li qatt ma jsebbaħ.   Alfred Grech 09/01/2021.
Image
  Hekk Niġi Għandek Jiena.   Hekk niġi għandek jiena Misjuq minn elf dragun Jonfoħ in-nar ta’ qilla mxewxa U n-nifs ta’ biża’ mistħajjel Jew mhux tassew. Imbagħad tista’ tibqa’ sejra għal trieqtek Xħin tinebaħ li dan ma kien xejn Għajr riħ ta’ siegħa.   Hekk niġi għandek jiena Riekeb żiemel il-ħolm u l-fantasija Biex negħleb il-frustrazzjoni Ta’ jum ieħor li jixbaħ iżżejjed Lil dak ta’ qablu.   Hekk niġi għandek jiena Biex negħeleb id-dwejjaq Li bihom inqum ta’ kull filgħodu U l-iskwallur li fih wellduna Xħin wiegħduna dinja ġdida Ittenni   l-ennui tal-ħajja . . .   Biex sadanittant inti tnewwel l-ambrożja U l-vizzju tal-allat U hekk jum ieħor jgħaddi Bla ma nintebħu.   Alfred Grech 01/01/2021.
Image
  Seguendo I Tuoi Passi.   Seguendo il tuo istinto di donna Forse avrai piu’ bambini Che saranno la tua famiglia Lasciamdomi qui da solo pensando Come sei cambiata.   Seguendo i tuoi passi di donna Sapendo che prima o poi sara’ finita’ La strada dei ricordi e dei sentieri Che ci aveva fatto un racconto.   Seguendo i tuoi passi di donna Forse mi sono allontanato di troppo.   Alfred Grech 07/01/2020
Image
  Jien li ridt nobdi l-għamar tal-allat U nsikket it-tinqiż minn ġewwa sidri Billi nilbes il-kappestru U nidħol ġewwa merħla Ta’ nagħaġ misjuqa, Illum nistaqsi.   Jiena li kont ribelli ngħolli rasi ’l-fuq mill-ispallejn U qatt ma nobdi bla ma nistaqsi, Illum nistaqsi.   Xħin fl-aħħar jasal l-aħħar Kif ser ikun it-tmiem? Il-mossa li tkun tmiss, Pass ieħor il-quddiem?   Alfred Grech 07/01/2021.      
Image
  Fil-Beraħ Ta’ Filgħodu. Fil-beraħ ta’ filgħodu Fuq sillabi mgħawwġin, Is-skiet fuq art imniġġsa, U dwejjaq ta’ dal-ħin!   Fuq wiċċ li hu bla bixra Tal-għada ma sebaħx Fil-veli trasparenti Ta’ wiċċ li ma tixbaħx.   Trid tislet l-isbaħ skuża Mill-bir tat-tifkiriet Xħin titlaq terġa’ lura U tishar hawn fis-skiet.   Min qieħed idardarha Din l-għajn tal-ilma ċar Min sejjer jogħlli leħnu Issa, xħin il-ħin sar?   Din dinja tal-enimmi Mimlija assurdita’ U tħoss li trid tirvilla Għall- dil-medjokrita’.   Xħin tilbeż il-korazza Biex tilqa’ għal dan il-kjass Jitqal it-toqol tagħha, Ma tagħmel erbda pass.   Fit-tarf li issa qorob Tkun qiegħed fuq quddiem, Trid biss tistenna toqgħod Li jasal mhemmx it-tmiem.   Alfred Grech 07/01/2021.
Image
  Imbiegħda Minn Xulxin.   U snin ta’ dawl ninsabu Imbiegħda minn xulxin Għaliex tgħid li trid tiġi? Għaliex qed taħli l-ħin?   Ma tafx x’irrid infisser Ma tafx jien x’qed inħoss Ma tafx bit-tnalja taħfen, Jew morsa li qed tross.   Ma tafx x’irrid infisser Għax bqajt ma tifhimnix, Din hija l-godwa t-tajba Għal-jum li ma jgħaddix.   Għax taħseb illi tista’ Tagħmilni ftit ferħan, Il-mewġ li lilna jżeffen Mhu qatt se jġib serħan.   U lanqas il-binarji Ta’ tren li ma telaqx Ma jista qatt iwasslu Fejn Alla ma laħaqx.   Alfred Grech 06/01/2021.
Image
  Epifanija.   Le ma kienetx il-Kewkba li wasslitni, U lanqas il-marea illi rkibt; Kien biss iż-żmien li fih twelidt, xejn akatar, U dan l-iskol li fuqu ruħi sibt.   Le ma kienetx ix-xewqa li nivvjaġġa, Inkella l-ħsieb li nagħmel ħwejjeġ kbar, Infittex dak li għadu ħadd ma sabu Nagħqad u ndur imqar jekk il-ħin sar.   Stajt ġrejt u dort id-dinja u ta’ madwarha U wara stajt intenni wkoll rakkont, Fi żmien ta’ qtiegħ il-qalb u karestija Sibt ruħi fl-istess post   fejn qabel kont.   Le mhux il-kewkba wrietni t-triq mnejn ngħaddi; Kien taraġ twil fil-beraħ ta’ bla kejl, U hawn wasalt fuq din ix-xtajta mtarrfa Fejn sibtni nerġa’ ngħix il-ħmar il-lejl.   Kien biss farfett il-lejl li żammni mqajjem Ħamiema illi lura qatt ma ġiet Jew brimba tinseġ tila bla kuluri Gawwija tibki l-posta li ħalliet.   Alfred Grech 06/01/2021
Image
  Sa Fl-Aħħar Trid Tiżbroffa. Fl-ebda waqt wieħed il-qirda tal-qawsalli il-ħsieb tal-mewt inixxi d-dmugħ ma ħassejt xejn li sata’ jeqred l-hena u t-tama bħan-nida fuq il-ward. Imqar jekk int offrejt sbuħitek lil ħaddieħor inkella rmejtha jew bla saqqejtha ħallejtha titbiel misħuta ma tkun qatt għaliex li hu sabiħ se jibqa’ għal dejjem u t-tifkiriet joqtulgom biss id-dwejjaq bħal bir tvvelenat. U jekk timtela bil-magma sa fl-aħħar trid tiżbroffa. Alfred Grech 05/01/2021