Posts

Image
  Għajjejt .   Għajjejt u qtajt nifsi Ma nistax inlaħħaq miegħek Il-passi tiegħek itwal minn tiegħi U għandek ritmi ma jintlaħqux Kif tista’ ġewwa kjostru Toħloq xena ta’burdell Jew il-ward li għadda żmienhom Terġa’ trawwem fl-istaġun?   Issa għajjejt; qed naqta’nifsi Issa għajjejt u qbadt in-niżla Inxejjirlek u nsellimlek Qed nitbiegħdu minn xulxin.   Dan hu t-tarf fejn ridna naslu Dan hu x-xifer mnejn se naqbeż.   Alfred Grech. 24/11/2023.
Image
  Fqajtek Bil-Kliem   Fqajtek bil-kliem U ma ħsibthiex Fil-qalba tal-qaqoċċa Ma kien hemm xejn Kien hemm biss Ilfieq.   Fqajtek bit-talb Xħin ħassejtni waħdi Għax ma kien fadal Ebda grampun Ma xhiex niddendel.   Għaqadt u dort żugraga Imbagħad bdejt nisma’ Lili nnifsi.   22/11/2023.
Image
  Ologramm.   Imbagħad erġajna lura għax belgħana Il-baħħ li ma kien xejn, duħħan fil-beraħ, Bħal mera quddiem oħra tirrifletti. Xħin tlaqna aħna xejn ma kien għad baqa’ U kollox ma kien xejn inkella ndara. U lanqas setgħet kienet ħolma oħra Inkella li xi ħadd bl-ispaga jiġbed Bl-addoċċ fuq tikek tridimenzjonali. Fix-xifer tal-irdum imbagħad fesdaqna, Ferrixna bħal petali l-poeżija U ridna din għal dejjem illi tibqa’ Tinbieħ ta’ ħafna sillabi skattati F’sekwenza li rxuxtat l-infern tar-ritmi. U deherli li smajt leħnek ja sibilli Tqasqas il-ħsejjes, kliem li mank jinftiehem U jien  filwaqt li ħtaf is-sensazzjoni Intbaħt li qatt u xejn ma kien għad ġara.   Alfred Grech 13/11/2023
Image
  THEWDIN   Bħal diwi jtenni dak li kellna f’ moħħna Marsusa f’dellijiet tal-għawġ mistħajjel Morsa ta’ħolmu salt kitbiet fuq mafkar Li għad iridu juru fejn qatt konna. Dan it-thewdin, graffiti jfissu ħlieqa Inkella aħbar li tkun rivelazzjoni Tax-xejn li aħna nkella minn fejn ġejna, Iżd’aktar żmien ma jgħaddi nsiru aktar Bħal barranin fil-qoxra tagħna nfusna Fuq mejda tal-biljard id-dinja tagħna Ġo baħar iffriżat xurban fl-ispazju. U jista’jkun ukoll xi darba ngħidu Aktarx li din id-dinja mhix pajjiżna Pjaneta li sammritna mall-ġejjieni U tagħtna l-qilla li kburin nistaqsu Minn fuq il-qċaċet li xi darba għad nilħqu U ġewwa l-ġrajja mhix miktuba ndommu l-annali deludent u ta’jasar. Niddejqu xħin ninġabru taħt l-eklissi Ta’ ruħna nilmħu l-kapsula spazjali Li toqrob lejn ġudizzju   universali. Fiż-żmien dan kollu tħabbar mill-profeti Li qalu wkoll li għad mill-ġdid nitwieldu.   Alfred Grech 11/11/2023.  
Image
  Int Tlaqt.   Int tlaqt u ħriġt minn fuq il-palk tal-ħajja X’ħin kienu r-rifletturi jiddu fuqek Għereqt f’tal-qtigħ il-qalb il-baħar fietel U ħriġt fis-skiet mir-rada u mill-mira Bħal meta ajruplan jgħib u jintilef U tibqa’ qatt ma ssir tiftixa serja. Int tlaqt mit-teatrin bejn att u ieħor Ir-rima li ħallejt mingħajr sekwenza U jiena bqajt hawnhekk intenni waħdi Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha solitarju Rużarju antikwat mank biss jinftiehem. Imbagħad erġajt tfaċċajt bħal ma jitfaċċa Id-dawl minn xi fanal sabiex iwissi U jħabbar li l-art qorbot lill-baħħara F’xi lejl li jrid iferrex id-djamanti Fuq baħar kalm kull xħin jintfew il-kwiekeb. U sirt ukoll bħal ġerħa għal min weġġa’ U baqa’ qatt ma jista’ jiġi f’tiegħu U l-ġerħa baqgħet tnixxi demm u ilma.   Alfred Grech 04/11/2023.
Image
  Halloween   Jien deformat sa minn qaddisi Kemm ilni ngħix hawnhekk F’dawn l-inħawi Fejn jinżel l-ilma ġieri li ma jasqqix.. Jien ħadt il-qagħda ta’ dil gaġġa Li kibret miegħi Jien deformat daqs il-bebbuxu Li ħa l-forma ta’ qoxortu Inkella iffissat Li qatt ma biddel l-arja. Iktar ma jgħaddiu ż-żmien Il-ħitan ta’ dan il-ħabs Iktar jogħlew U d-dalma tal-abbiss Issir bla qiegħ. Imm’hemm sema Fejn nista’ ntir Beraħ fejn nista nimraħ U poeżija Li nista’ nikteb.   Alfred Grech 31/10/2023
Image
  F’Jum Għawdex.   Imbidel wiċċek Imbidlet iċ-ċiera tiegħek. Imbidlu wkoll in-nies Li jikkalpestaw qoxortok. U issa ngħidu Li ġejna ’l-quddiem.   Libbsuk il-porpra U xeddewlek kuruna Serqulek ruħek Ir-ruħ ta’ xi mkien fejn wieħed jista’ Jsib ażil Qalulna ż-żmien inbidel U li ż-żmien ibiddel U allaħares ma kienx hekk   Int issa sirt ix-xbieha Ta kull waqt fiż-żmien Ta’ kwadru li jinbidel.   Alfred Grech 29/10/2023
Image
  U Jiensa Ngħid .   U jiena ngħid Li m’hemm xejn ġdid Li tista’ tikxef.   Ilek ma tiġi tbusni Biż-żħiffa tal-majjistral Tmelles mingħajr biss Tħabbilli xagħri.   Ilek ma tniggiżni Bħal ruħ migduda Li trid taħrab U ma tistax.   Wiċċek wiċċ il-ward iwarrad u kull bewsa li tfaqqali issir kraterju fuq wiċċ iż-żmien.   Jinxfu l-għejjun Jitħassru l-għeliem Li ħallejt fir-ramel tax-xtajta Meta għaddejja nkiss inkiss Ħallejt il-marki ta’ saqajk   U jiena nibqa’ ngħum Fil-mewġ tal-burdati.   Alfred Grech 27/10/2023
Image
  Poeżija.   Weħida toħroġ it-tnegħida Duħħan minn goċ-ċumnija Jisfida sema msaħħab Qċaċet li joborxu s-sħab Bl-uġih ta’ ruħ qed tegħereq Għax il-mewt toqtol il-fjamma Li titkebbes ġo fina. Kull għajta li toħroġ mill-qalb Tsfida l-eqdem mafkar Leħnek ma jmut qatt U sbuħitek tibqa għal dejjem.   Alfred Grech 23 ta’ Ottubru 2023.
Image
  Hawnhekk Imċajpar Kollox.   Hawnhekk imċajpar kollox, fejn jien sejjer? Nixtieq hemm id li tiġbed qed l-ispaga Xi minn daqqiet inħoss ir-riħ jimbotta Inkella l-pinna tikteb trid xi saga.   Nixtieq suġġeritur minn wara l-kwinti, Jew anġlu ma jidhirx magħżul għalija, Nixtieq li nemmen illi hemm mogħdija Li minnha nista’ ngħaddi ’l-bogħod mill-bqija.   Fejn sejjer jien ma nafx u lanqas kieku Kont naf fejn hi t-trieq ma kont se nsibha Għax jekk ma nafx fejn jien jew fejn jien sejjer Ma nista’ ngħid li qed fuq liem’ xaqliba.   Alfred Grech 19/10/2023
Image
  Tqila   Tqila din kull filgħodu tqum u terfa’ It-toqol fl-istennij ta’ jum ieħor. Int forsi tħares lura biex tistaqsi Għaliex għotort u sibtha hekk bi tqila. Insejt int l-sqaqien li fihom dħalna, Li rdumijiet lli magħhom ixxabbatna? Int forsi nsejt is-saħta li bagħtulna U l-qilla tal-allat qrib il-quċċata Int forsi nsejt il qiegħa fejn twelidna, l-għaks, iż-żebliegħ, dak kollu tal-mistħija, U l-ebda riħ ma nefaħ fil-qlugħ tagħna U jekk s’hawnhekk wasalna għax Alla magħna.   Tqila, ta’ kull filgħodu tqum biex terfa’ It-toqol li ħaddieħor telaq f’ħoġrok U ma tistax tittama li xi darba Jitfaċċa ċirinew biex jgħinek terfa’.   Tqila, ta’ kull filgħodu terġa lura Għal passi li passejt f’dik il-mogħdija Li minnha għaddejt kuljum għall kemm il-darba.   Alfred Grech 17/10/2023.  
Image
  Fil-Mużew Nazzjonali Tal-Arti.   Hawnhekk qed tħossok sewwa għax xejn mhu jiġri Nixtieq narak pittura ta’ bla isem, Qawsalla ta’ kuluri jridu jfissru Xi ħaġa li xtaqt int bla ma taf tlissen. Imbagħad int tistaqsini x’qiegħed nara Kemm ponot ta’ kuntatt fil-polz jippompja Qed nara mingħajr melħ qiegħ is-salini Fejn hemm qiegħdin jintemmu t-tamiet tagħna, Inkella qed jinħaslu d-dnubiet kollha Biex jirxuxtaw xi simulakru minsi Ta’ dak li stajna nsiru ma bla rnexxielna. Hekk nista’ nkun ed noħloq armonija Bejn żewġ naħħiet megħdija biss fil-gwerra. Dan jista’ jkun ukoll vjaġġ ta’ bla sfida Awtoritratt imkeffen ġo baqalja Dan jista’ jkun mural li jinseġ ġrajja Jekk tħares sewwa lejja tibda tifhem Kif jien fin-niċċa tiegħek nista’ noħloq l-istil biex mill-kristall tas-sewwa toħroġ U jien   girlana ninseġ li xi darba ma ġismek dawra mejt għad indawwarha.   Alfred Grech. 13/10/2023.
Image
  Immorru.   Immorru lejn dawk l-inħawi Fejn it-toroq ma jwasslux.   Immorrru l’hemm lejn ix-xifer inevitabbli Tal-irdum fejn jaqgħu u jitfarrku It-tifkiriet u l-ħwejjeġ kollha Li m’għadomx aktar meħtieġa Fuq din il-ferrovija Li tibqa għaddejja u taqsam il-fruntieri Bla waqfien.   Immorru ’l-hemm u naqbżu kull xkiel u barrikati Insibu ruħna qed nintilfu minn sensina Fi spazji li ma nagħrfux u ma nafux.   Immorru ’l-hemm Għaliex iż-żmien Vleġġa waħda għandu U tipponta dejjem Lilhemm.   Alfred Grech 11/10/ 2023
Image
  184   Par ġwienaħ biex nittajjar min jislifni? Inkella leħen ħlejju tal-għasafar Sabiex intir u ngħola ’l-fuq nisseqqer U nħalli dan l-ispazju mimli dwejjaq. Irrid intir bil-ferħ, għal darba ninsa’ Il-ħmieġ u l-iskwallur fejn sibna rwieħna, l-infern li huwa l-wild tad-dilettanti u npinġi bil-kuluri tal-qawsalla. Irrid intir bil-ferħ, u ninfexx fl-għana T’Orfew il-Lira mbagħad irrid nissellef U ngħola ’l-fuq mis-sħab biex lanqas nilmaħ l-abbiss li fiħ jistaħba wild il-bniedem. Għax għajb għaliħ minn ħoloq din il-mandra Li fiha jrid jintemm l-itinerarju.   Alfred Grech 10/10/2023.
Image
  183.   Tremend is-skiet ta’ dan il-lejl jistordi Tisfir ta’ ġol widnejn iżommni mqajjem Infittex skiet perfett fejn nista’ nindem U nerġa’ mmiss b’idejja l-ħolm li noħlom. Tremend hu l-ħmar il-lejl għal min hu sieket U jaf li fid-delirju jsib il-fidwa, Li baqa’ ma sabiex xħin kien imqajjem U mexa mal-kurrent ta’ dak li jiġri. Tremend huwa t-tgemgim ta’ min fis-sakra, Ta’ min sab ruhħu jgħum fuq wiċċ il-baħar, Misjuq mill-ħsibijiet tal-waħx u l-biża’ Tal-għada illi jibqa’ qatt ma jisbaħ. Tremend dan kollu għal min lanqas jagħalaq Għajn m’għajn, għaliex il-ħin qatt mhu se jgħaddi.   Alfred Grech 09/10/2023.  
Image
  Sbuħija.   Lanqas is-sbuħija ma trodd id-dieqa ta’ dak li m’għadix kliem sabiex infissru, il-ħsieb bħal magħtub li qajla jsta’ jlaħħaq mar-ritmi ta’ kuljum. Xħin toħriġ it-tnehhida bħal vulkan li jaħli d-dieqa tiegħu. Imbagħad taqa’ l-kalma, jibbnazza u jinżel is-skiet. Bħal ħolma mnaqxa minn leħħa ta’ berqa fuq il-blat għeri tal-bruda magħmula mit-tafal tal-art sakemm issir twemmin lI fih trid tafda jekk trid mill-ġdid li terfa’ Il-madmad ta’ kull għodwa. Nixtieq li għandi fil-bir ta’ ruħi t-tqanqil li qed tistenna biex jirxuxtak, u nixtieq ukoll li kont il-mera li fiha tirrifletti l-ħeġġa tiegħek, imma miniex.   Alfred Grech 04/10/2023
Image
      Illum Mhuwiex Jum Tajjeb.   Illum mhuwiex jum tajjeb biex tkellimni Inkella ara kif bieb ieħor ħabbat Bħal dak li llum mar fettex art għammiela Għaliex ma kiex biżżejjed dak l-imperu Li bena fis-sqaqien ta’ din il-ħajja.   Fid-dwejjaq it-thewdin hu l-ħoqien tiegħi Fis-skiet bħal martell tkisser ir-rubini Il-kelma   li ma taf ebda konfini, Mnejn tlaqna ma nafux u fejn ser naslu Mistur se jibqa. Kuljum pass pass jgħaddi Bħal-impulletta r-ramel, biex jekk tibqa’ Tgħum f’wiċċ l-ilma tkun biss bużżieqa t’arja.   Alfred Grech 02/010/2023
Image
  Għajnejja Tqalu.   Għajnejja tqalu bis-sogħoba tat-tamiet Li għabu U jinfetaħ quddiem għajnejja s-siparju Tal-ġejjieni mudlam Raġġ dawl li ma jinfidx iċ-ċpar Tal-perċezzjoni Fanal fuq l-għola punta ma jnebbaħx Lill-baħħara  U ma jdawwalx Ilma mdardar bid-dnubiet Ta min jaf ħafna U ta’ min huwa għaref Inġorr mal-buffuri tat-tramuntana l-irdum iwissi lil min irid ikejjlu U l-gawwi bil-ġuħ Jisseqqer fuq wuċċ il-baħar.   Hwejjeġ mibdija U mhumiex mitmuma.   Alfred Grech 28/09/2023.